Mistoqsijiet Komuni

Liema ċertifikati jistgħu jiġu ordnati online?

Ċertifikati ta’ Twelid, Stat Liberu, Żwieġ, Unjoni Ċivili, Koabitazzjoni u Mewt jistgħu jiġu ordnati online minn fuq https://certifikati.identita.gov.mt u tista’ tirċevihom bil-posta f’indirizz tal-għażla tiegħek.

X’tip ta’ ċertifikati jistgħu jiġu ordnati online u kemm jiswew?

Ċertifikati tat-Twelid, Żwieġ, Unjoni Ċivili u Mewt jistgħu jintalbu f’forma ta’ estratt jew sħaħ filwaqt li ċ-ċertifikat ta’ Koabitazzjoni jinħareġ biss fil-format sħiħ. Ċertifikati ta’ Stat Liberu jistgħu wkoll jiġu ordnati online.

Ċertifikat estratt ordnat online jiswa €2.50 filwaqt li wieħed sħiħ jiswa €9.95. Ċertifikat ta’ Stat Liberu jiswa €5.15

Awtoritajiet ta’ Membri Stati oħra jaċċettaw ċertifikati li ma jkunu legalizzati jew postillati?

Dokumenti pubbliċi maħruġa taħt ir-Regolament (UE) 2016/1191 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bħal ċertifikati tat-twelid, żwieġ, unjoni ċivili, stat liberu u mewt ma jinħtieġux li jkollhom apostille u jistgħu jiġu aċċettati minn awtoritajiet pubbliċi oħra fi Stati Membri oħra. Ċittadini jistgħu jitolbu sabiex mad-dokumenti tkun annessa formola standard multilingwi. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkuntattja lir-Reġistru Pubbliku fuq +356 2590 4200 jew permezz tal-imejl fuq [email protected]

Se nirċievi kopja skannjata jew stampata taċ-ċertifikat li għadni kif ordnajt?

Ir-Reġistru Pubbliku ma jipprovdix kopji skannjati taċ-ċertifikati, iżda joħroġ karta stampata li tkun ukoll iffirmata u ttimbrata.

Nista’ niġbor personalment iċ-ċertifikati minflok ma jaslu għandi bil-posta?

Iva, tista’ jew tagħżel li tiġbor iċ-ċertifikati tiegħek personalment mir-Reġistru Pubbliku jew tibgħat lil xi ħadd sabiex jiġborhom f’ismek. Meta tiġbor iċ-ċertifikati tiegħek, se jkollok bżonn in-numru tal-ordni tiegħek.

X’jiġri jekk ikun hemm dewmien fl-ordni tiegħi?

L-ordnijiet normalment ikunu proċessati fi żmien sitt ijiem ta’ xogħol, madankollu, jekk għal xi raġuni l-ordni tiegħek iddum, jekk jogħġbok ikkuntattja lir-Reġistru Pubbliku permezz tal-email fuq [email protected]. F’dawn il-każijiet, jekk jogħġbok ikkuntattjana sabiex nikkonfermawlek li l-ordni tiegħek inħadmet u ntbagħtet min-naħa tagħna.

Jekk l-ordni tiegħek tkun ġiet ipproċessata u ntbagħtet, allura inti mitlub sabiex tagħmel ilment mal-MaltaPost fuq https://www.maltapost.com/how-to-lodge-an-enquiry.

Għalfejn, minkejja li qed indaħħal id-dettalji tal-antenati tiegħi, iċ-ċertifikati tagħhom ma jistgħux jinstabu?

Minkejja li d-dettalji tiegħek jistgħu ikunu tajbin, jista’ jkun li r-rekords li inti qed tfittex qatt ma ġew irreġistrati mar-Reġistru Pubbliku. Rekords miżmuma mir-Reġistru Pubbliku jmorru lura sal-1863, madankollu, numru konsiderevoli ta’ twelid, żwiġijiet u mwiet li seħħew f’Malta bejn aktar tard fis-seklu 19 u l-Ewwel Gwerra Dinjija (jew anke wara) qatt ma ġew irreġistrati mar-Reġistru Pubbliku iżda kienu rreġistrati biss mal-Knisja Parrokkjali.

Jekk l-ordni tiegħi tħassret, se ningħata l-flus lura?

Ir-Reġistru Pubbliku jitħallas mill-kont tiegħek biss la darba l-ordni tiegħek tiġi proċessata u ċ-ċertifikat jinħareġ. F’każ li ma jinstabu l-ebda rekords, l-ebda ħlas ma jitnaqqas mill-kont tiegħek. Ladarba ordni tiġi annullata jew rifjutata, ma jsir l-ebda ħlas, madankollu jista’ jagħti l-każ li l-ammont dovut jibqa’ jidher pendenti għal xi ġranet. Eventwalment, ladarba l-ordni taqa’, il-kont bankarju tiegħek se jmur lura għall-bilanċ li kellek qabel u tinduna li l-ebda tariffa ma tnaqqset mill-kont.

Huwa possibbli li tordna riċerka b’rabta mal-arblu tar-razza mir-Reġistru Pubbliku?

Ir-Reġistru Pubbliku ma joffrix dan is-servizz, iżda riċerka b’rabta mal-arblu tar-razza jistgħu jsiru minn ġineoloġisti privati.

Neħtieġ kont tal-eID biex napplika għal ċertifikat?

Is-sit https://certifikati.identita.gov.mt tippermetti li jsiru tranżazzjonijiet siguri fuq l-internet. Għalkemm huwa rrakkomandat li tilloggja billi tuża l-kont tal-eID tiegħek, dan mhuwiex obbligatorju. Jekk m'għandekx kont attiv tal-eID, xorta tista' tuża din l-applikazzjoni billi timla manwalment id-dettalji kollha meħtieġa.

Maltese English
Processing Request